Ma Fadlilkomx Ħafna Żmien Qabel Ma Niġi Sabiex Niġġudika

Is-Sibt, 24 ta’ Marzu 2012 at 11:45

Ma Fadlilkomx Ħafna Żmien Qabel Ma Niġi Sabiex Niġġudika.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-24 ta’ Marzu, 2012, fil-11.45 am.


Illum Ġejt għandek, maħbuba binti l-għażiża, sabiex Ninforma lid-dinja, dwar il-Ħniena l-Kbira Tiegħi. Jiena Nixtieq ukoll Ninforma lid-dinja dwar il-Ġustizzja Tiegħi. Uliedi, ma fadlilkomx ħafna żmien qabel ma Jiena Niġi sabiex Niġġudika. Huwa dan il-perjodu, ta’ bejn issa u l-Jum tal-Ġudizzju Tiegħi, meta sejra sseħħ it-Tieni Miġja Tiegħi, li intom tridu tużaw bil-għaqal, ħalli tippreparaw ruħkom sew. Jiena, bħala s-Salvatur Divin Tagħkom, huwa d-Dmir Tiegħi li Niggwidakom, Ngħallimkom u Nurikom kif tistgħu tiżguraw, li jkun jixirqilkom li tidħlu fil-Ġenna tal-Art Tiegħi fid-dinja. Qisu li ma tiċħdux il-Profeti Tiegħi. Jiena hawnhekk qiegħed Nirreferi, b’mod partikolari lilkom il-Qaddejja Sagra Tiegħi (is-Saċerdoti). Intom jeħtieġ li titolbuni, sabiex Ngħattikom bl-Ispirtu Qaddis Tiegħi, ħalli jkollkom id-dixxerniment, flimkien mal-umiltà u s-safa tar-ruħ. Meta tagħmlu hekk, Jiena Nurikom il-verità tal-Kelma l-Aktar Qaddisa Tiegħi, mogħtija lilkom issa permezz ta’ din il-Profeta Tiegħi. Wara dan, ikun id-dmir tagħkom li tiżguraw, li dawk l-erwieħ kollha li jistaqsukom għall-gwida tagħkom, jiġu megħjuna minnkom ħalli huma jħejju ruħhom għat-Tieni Miġja Tiegħi.

Araw li qatt ma tibżgħu ssemmu l-frażi: It-Tieni Miġja ta’ Kristu, għaliex ħafna mill-Merħla tan-Nagħaġ Tiegħi, ma jafux xi tfisser. Ftit minnhom ġew mgħallma dwar dan l-Avveniment Kbir u Glorjuż, jew l-importanza li jħejju l-ruħhom sabiex ikunu fi stat ta’ grazzja. Lanqas qatt ukoll, m’għandkom tibżgħu tippriedkaw dwar l-eżistenza tal-Purgatorju jew tal-Infern. Hija r-responsabbiltà tagħkom li tgħidu l-Verità lill-Poplu Tiegħi. Fittxu Lili, ħalli Jiena Niggwidakom permezz ta’ din it-Talba tal-Kruċjata.

It-Talba tal-Kruċjata (40). It-Talba għall-Kleru biex Iħejju l-Erwieħ għat-Tieni Miġja:


O Ġesù tiegħi, jien sempliċi qaddej ċkejken, u għandi bżonnok biex tiggwidani kif nipprepara l-erwieħ għat-Tieni Miġja Glorjuża tiegħek. Għinni nikkonverti l-erwieħ, u nħejjihom tajjeb skont ir-Rieda Mqaddsa tiegħek, ħalli jidħlu fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida, li Int wegħdt lill-umanità kollha, b’Mewtek fuq is-Salib. Tini l-Grazzji meħtieġa biex inxandar kelmtek lill-erwieħ għatxana, u biex qatt ma nwarrab dmiri u l-wegħda ta’ lealtà Lejk Għażiż Ġesù, bil-voti sagri tiegħi. Ammen.


Morru issa Qaddejja Sagri Tiegħi, u aċċettaw ir-rwol li għalih intom ġejtu magħżula. Din l-isfida, li intom tħejju l-erwieħ għat-Tieni Miġja Tiegħi, hija l-akbar waħda li qatt kien hemm fil-Ministeru tagħkom, u jeħtieġ li taċċettawha b’imħabba u ferħ f’qalbkom. Aċċettaw wkoll, id-Don li tkunu magħżula bħala Qaddejja Sagri f’dan l-aħħar taż-żmien, meta s-Sema u l-Art il-Ġdida, sejrin jiffurmaw il-Ġenna tal-Art il-Ġdida Tiegħi. Intom imberkin li tinsabu tgħixu f’dawn iż-żminijiet. Imma kunu afu, li sejrin tkunu tturmentati u mfixkla f’kull parti tal-vjaġġ tagħkom, meta intom tgħinu sabiex issalvaw l-Erwieħ Tiegħi fuq l-art, mill-Qarrieqi u dawk kollha li huwa jittanta sabiex idawru qalbhom 'il bogħod Minni, Jien is-Salvatur Divin tagħkom. Araw li qatt ma taqtgħu qalbkom f’din il-Missjoni Qaddisa tagħkom, u kunu afu, li Jiena, Ġesù Tagħkom, se Nimxi Magħkom ma’ kull pass li tieħdu f’din it-triq.


Il-Maħbub Ġesù tagħkom