Tant gideb, Meta l-Eżistenza tal-Infern Tiġi Miċħuda, Li Sejra Twassal għat-Telfa tal-Insara.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-14 ta’ April, 2012, fit-3.27 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, irrispettivament minn kemm hi diffiċli t-tbatija fiżika tiegħek, inti trid tirrikonoxxi, li hekk kif din tkompli tintensifika, dan huwa kif qiegħed Inħossni Jien. It-tbatija tiegħek tirrifletti biss farka mit-Tbatija Tiegħi. Meta magħquda miegħi, inti tkun taf, li għal kull uġigħ u dlam interjuri tar-ruħ li inti tesperjenza, dan ikun parti mit-turment li Jiena Nissaporti minħabba d-dnubiet tal-bnedmin kollha. Ħafna nies, bi żball jemmnu, li t-Tbatija Tiegħi bdiet u spiċċat fuq is-Salib. It-Tbatija Tiegħi mhux se tintemm, sakemm ulied Alla kollha jkunu magħqudin fl-imħabba u fl-armonija, fejn l-ebda dnub ma jeżisti, fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida ta’ Missieri.
Irrispettivament minn kemm intqal lil-umanità dwar l-Eżistenza tiegħi, xorta waħda għadhom jobogħduni. Fost dawk li jemmnu Fija, għalkemm Jiena ġejt aċċettat minnhom, it-Tagħlim Tiegħi huwa biss tollerat, u dan skont it-termini tagħhom stess. Ħafna jittrattaw lil ħaddieħor bl-imħabba u t-tjubija, iżda dan biss, jekk l-oħrajn li lilhom joffru dan ir-rigal, jaqblu mal-ideoloġiji tagħhom. Pereżempju, ħafna jikkundannaw lill-midinbin meta suppost juru tjubija u jitolbu għalihom. Dawn suppost, jagħtu eżempju lil oħrajn. Xi wħud jgħajjru lil ħaddieħor minflok ma juru l-imħabba li hija mistennija minnhom bħala Nsara.
Araw li qatt ma tikkundannaw lil ħaddieħor, anke jekk ma taqblux magħhom, għax dan mhux xi dritt tagħkom. Ħadd, imma Alla biss, għandu l-Awtorità li Jiġġudika lil ħaddieħor. Filwaqt li ħafna nies li jemmnu Fija, jkomplu jagħtuni ġieħ, dan ikun biss skond it-termini tagħhom. Xi wħud se jħossu l-ħtieġa li jitbiegħdu minn ħuthom, sabiex juru lid-dinja kemm huma bravi fejn jidħlu kwistjonijiet spiritwali. Imbagħad jużaw l-interpretazzjonijiet tagħhom stess ta’ xi tfisser verament il-Ħniena Tiegħi.
Jiena Nistaqsi: Kemm-il darba smajtu li Alla huwa kollu Ħniena, u li Huwa tant Ħanin u Jħobb lil kulħadd, u li qatt mhu se jikkundanna lil ħadd? Kif ukoll li Hu qatt ma Jibgħat l-ebda ruħ l-Infern? Imma din hija gidba. Tant gideb, meta l-eżistenza tal-Infern hija miċħuda, li sejra twassal għat-telfa tal-Insara. In-nies qiegħdin jikkundannaw lilhom infushom stess għall-Infern. Mhux Jiena Nibgħathom hemm. Huma jagħżluh, billi jinjoraw id-dnub il-mejjet. Lanqas allura ma jfittxu l-maħfra, jew juru ndiema għal dnubiethom. Dan huwa ħsieb perikoluż, u huwa d-dmir tal-Insara kollha li jwissu lil ħaddieħor dwar il-perikli tal-Infern. Tant nies, inklużi dawk li jċaħħdu lil uliedhom mis-Sagrament tal-Magħmudija, jitkellmu bħallikieku d-dnub m’għadux importanti. Huma jemmnu li d-dnubiet kollu sejrin jinħafru. Dan mhux korrett. Iva, d-dnubiet kollu jistgħu jinħafru, ikunu kemm ikunu suwed, iżda dan biss jekk il-midneb ifittex il-maħfra tagħhom.
Jiena issa qiegħed Inkellimkom mis-Sema, sabiex Nipprepara lil ulied kollha ta’ Alla, għat-Tieni Miġja Tiegħi u x’Insib? Qed Inkellimkom minn wara l-ħitan tal-ħabs u miċ-ċella li fiha intom waddabtuni, għaliex tirrifjutaw li temmnu li Jiena Nista’ Nkellimkom b’dan il-mod. Jaħasra, kemm qegħdin toffenduni! Lilkom li qattajtu ħajjitkom iddedikata Lili, u li tafu sew l-Iskrittura Mqaddsa Tiegħi, iżda li issa qegħdin tiċħduni, Ngħidilhom dan: Iċ-ċaħdiet tagħkom Lili issa, se jħallukom itturmentati u f’niket kbir, meta l-Verità tiġi żvelata lilkom. Għaliex, imbagħad tindunaw bl-erwieħ li warrabtu fil-ġenb, meta Jiena kelli bżonn l-għajnuna tagħkom biex Insalvahom. Kemm qegħdin iġġagħaluni Nibki bil-frustrazzjoni minħabba l-għama tagħkom, ikkawżata min-nuqqas ta’ umiltà fikom. Intom tiddubitaw il-Kelma Mqaddsa Tiegħi, meta suppost għandkom tħaddnuha u tgħannquha magħkom, għax intom ruħ li qegħda tegħreq u nieqsa mill-ġenerożità tal-qalb. Qiegħed Nitlobkom bil-ħniena, sabiex twieġbu għas-Sejħa Tiegħi.
Il-Maħbub Ġesù tagħkom
Ir-Redentur tal-Bnedmin Kollha