Il-Knisja tal-Fdal Tiegħi u ż-Żewġ Xhieda Imsemmija fil-Ktieb tal-Apokalissi.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-15 ta’ April, 2012, fis-7.16 pm.
Maħbuba binti l-għażiża, Jiena nirrealizza li xi wħud minn dawn il-Messaġġi ma jagħmlux sens għalik, imma trid tafda Fija, u kun af li rrid niżvela l-kontenut tal-Ktieb tal-Apokalissi, sabiex l-erwieħ (nies ħajjin) ikunu jafu x’għandhom jistennew f’dawn iż-żminijiet.
Lil dawk ta’ fidi ċkejkna, imma li jaċċettaw il-Kelma tiegħi, mogħtija lilkom permezz ta’ din il-profeta, kunu afu li l-umiltà u x-xewqa tagħkom, imnissla mill-imħabba safja għalija, ressqukom eqreb lejn il-Qalb Imqaddsa tiegħi.
Intom il-Knisja tal-Fdal tiegħi. Intom il-Knisja kif imsemmija fil-Ktieb tal-Apokalissi.
Intom il-prodott tal-Mara li welldet Tifel u li ġiet mitfugħa fid-deżert, fejn se tkunu iżolati, iżda magħqudin ħaġa waħda flimkien, biex tipproklamaw il-Kelma Mqaddsa tiegħi u tippridkaw il-Vanġeli Veri.
Il-Mara twelled il-Knisja Vera Tiegħi, il-Merħla Leali tiegħi, li mhux se tiġi mqarrqa mill-Profeta Falz.
Intom, il-Knisja tiegħi, se tkunu mitfugħa fid-deżert għal 1,260 jum, fejn se ssibu kenn. Imma bid-Don tal-Ispirtu s-Santu, intom se tiġu mitmugħa mill-Frott tal-Imħabba tiegħi.
Se jkunu l-membri leali tal-Knejjes Kristjani tiegħi, inklużi l-Qaddejja Sagri (is-Saċerdoti) tiegħi, u dawk mis-segwaċi tiegħi, li jiċħdu l-Profeta Falz, li se jkollhom iżommu l-Knisja tiegħi magħquda.
Intom se jkollkom tonorawni bil-moħbi, għax il-Quddiesa tant se tinbidel, li ma tibqax tingħaraf aktar, taħt il-ħakma tal-Profeta Falz.
Intom is-segwaċi veri tiegħi u l-Grazzji kollha tas-Sema, qed jitferrgħu fuq l-erwieħ prezzjużi tagħkom.
Kemm inħobbkom uliedi u kemm ittaffu Tbatijieti. Imma kemm hemm uġigħ f’Qalbi, minħabba dawk mis-segwaċi tiegħi li se jirrifjutaw li jisimgħuni. Se jinġibdu f’xibka mill-Profeta Falz għal ġod-dlam, u ma nistax insalvahom.
Bir-rieda tagħhom stess se jagħtuni daqqa ta’ ħarta fuq Wiċċi.
Il-Knisja tal-Fdal tiegħi, se jkollha bżonn ixxerred il-Kelma lil uliedi l-oħra, inklużi dawk li xejn ma jafuni.
Intom, il-Knisja tal-Fdal tiegħi, ser ikollkom bżonn tipproklamaw il-Profeziji tiegħi, u l-Kelma Mqaddsa tiegħi, lil dawk li mhumiex Kristjani, jew li ma jafux l-Għaxar Kmandamenti.
Xogħolkom se jkun li tiżguraw li l-Bibbja Mqaddsa tinqara u tinftiehem.
Se jkun f’idejkom li tinfurmaw lid-dinja bit-tifsira sħiħa tas-Siġilli li jinsabu fil-Ktieb tal-Apokalissi, li Jien se niżvela lil Marija Ħniena Divina.
Iż-Żewġ Xhieda fil-Ktieb tal-Apokalissi:
Intom, is-segwaċi tiegħi, intom wieħed miż-żewġ xhieda msemmija fil-Ktieb tal-Apokalissi u li se tkunu protetti mis-Sema.
Il-Kelma tiegħi, mogħtija lilkom, il-Knisja tal-Fdal tiegħi, tista’ titwarrab bħala katavru, imma l-Kelma tiegħi qatt mhi se tmut.
Il-Lhud se jkunu t-tieni miż-żewġ xhieda.
Iż-żewġ lampi huma l-Knejjes Kristjani tiegħi, il-Knisja Vera tradizzjonali, u dawk is-segwaċi tiegħi li se jitneħħew mill-Profeta Falz.
Iż-żewġ siġar taż-żebbuġ huma, Iżrael ta’ Ġerusalemm il-Qadima, u Iżrael il-Ġdid.
Huma, il-Lhud, fl-aħħar se jkunu jafu li Jiena l-Messija, u l-ippridkar tagħhom tal-Verità, se jiġi wkoll imwarrab u mormi 'l barra mill-Profeta Falz u l-Antikrist, biex jitmermer bħal katavru. Għal darb’oħra, din ir-razza magħżula mhux se tmut.
It-tnejn se jħossuhom megħluba, iżda dan mhux se jiġri, għaliex intom se tifformaw, flimkien mar-reliġjonijiet l-oħra kollha, il-Knisja Waħda u Vera: Ġerusalemm il-Ġdida li se tirxoxta mill-irmied.
Intom se tgħixu u tibqgħu ħajjin waqt is-saram terribbli tal-monarkija, li se tqum taħt it-tmexxija doppja tal-Profeta Falz u l-Antikrist, li t-tnejn se jintefgħu fl-għadira tan-nar, li hu l-Infern.
Din il-persekuzzjoni mhux se ddum wisq, u se tingħataw qawwa u protezzjoni kbira.
L-għajnuna se tingħatalkom, u ħafna mexxejja se jqumu minn fostkom biex jiggwidawkom matul dan il-perjodu.
Ħafna minnkom se ssiru qaddisin fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida tiegħi, u wara li tkunu għentu fil-bini tal-Knisja tal-Fdal tiegħi fid-Dinja, se ssaltnu miegħi fis-Sema u l-Art il-Ġodda, li se joħorġu fit-Tieni Miġja tiegħi.
Dawk minnkom li mhumiex miegħi, se jingħataw żmien qasir ħafna biex tagħżlu.
Jew tkunu favur il-Profeta Falz u kontrija, jew tkun favur tiegħi.
Agħżlu l-ewwel waħda, u ruħkom tinsteraq mill-Qarrieqi. Għalkemm tinstema’ ħarxa, din hija l-Verità.
Prova tal-Preżenza tiegħi, se tingħata lil ulied kollha ta’ Alla, matul it-Twissija.
Itolbu li mbagħad taċċettaw il-Verità, li Jiena Ġesù, il-Maħbub tagħkom, li qed insejjħilkom mis-Sema, biex niftħilkom għajnejkom ħalli tkunu tistgħu taraw, u sabiex tisimgħu; sabiex tkunu tistgħu tisimgħu qabel ma jkun tard wisq.
Il-Maħbub tagħkom Ġesù