Lill-Qaddejja Sagri Tiegħi Ngħidilkom Dan: Tagħmlux l-istess Żball ta’ Qabilkom, li Ċaħduni Meta Jiena Ġejt l-Ewwel Darba

It-Tlieta, 24 ta’ April 2012 at 19:45

Lill-Qaddejja Sagri Tiegħi Ngħidilkom Dan: Tagħmlux l-istess Żball ta’ Qabilkom, li Ċaħduni Meta Jiena Ġejt l-Ewwel Darba.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-24 ta’ April, 2012, fis-7.45 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, kun af, li meta Missjoni oħra bħal din, li Jiena qiegħed Nagħti issa lid-dinja, tkun importanti daqsha, xorta waħda, ħafna nies sejrin jippruvaw iwaqqfuha. Lilek se jippruvaw jattakkawk u jidħqu b’dawk li jagħrfu Leħni, hekk kif Jiena qiegħed Nipprova Ngħaddi l-Messaġġi Tiegħi lid-dinja kollha. L-intensità tal-mibegħda, murija lejn dawn il-Messaġġi Tiegħi, mogħtija permezz tiegħek, inti l-Profeta tal-Aħħar taż-Żmien, sejra tkompli teskala. Mela isimgħuni issa, intom dawk kollha li tgħidu li tafuni: Jiena ninsab Nipprepara l-umanità għat-Tieni Miġja Tiegħi. Jekk intom temmnu Fija, fit-Tagħlim Tiegħi, u tgħidu li tafuni, allura kunu afu, li Jiena qiegħed Nibgħat lill-Profeta Tiegħi tal-Aħħar taż-Żmien, flimkien ma’ Profeti oħra, sabiex jagħmlukom denji li tidħlu fis-Saltna Tiegħi.

Lill-Qaddejja Sagri Tiegħi (is-Saċerdoti), Ngħidilkom dan: Araw li ma tagħmlux l-istess żball tal-Qassisin ta’ qabilkom, li ċaħduni meta Jiena Ġejt l-ewwel darba fid-dinja. Oqogħdu attenti u isimgħu s-Sejħa Tiegħi, għaliex Jiena Għandi Bżonnkom sabiex tgħinuni Nipprepara l-erwieħ (nies ħajjin) tal-Merħla tan-Nagħaġ Tiegħi, qabel ma jseħħ il-Miraklu l-Kbir. Jaqaw intom ħsibtu li Jiena ma kontx sejjer Nibgħat lill-Profeti Tiegħi sabiex iwissukom? Jew forsi intom ħsibtu, li Jiena kont sejjer Inħabbar biss ir-Ritorn Tiegħi, mingħajr ma Nippreparakom kif suppost, u Nħalli l-erwieħ jinqerdu? Issa, għal dawk minnkom li tiċħdu t-Tieni Miġja Tiegħi, u madankollu xorta tgħidu li tifhmu l-Wegħda Tiegħi lill-bnedmin kollha, intom imisskom tistħu. In-nuqqas ta’ umiltà tagħkom tfisser li ma tistgħux tissaffew mill-Ispirtu s-Santu. Intom tridu jew tistaqsuni għal dan id-Don tad-Dixxerniment jew titilqu 'il bogħod Minni. Iddiżappuntajtuni bil-kbir. Iġġagħluni Nibki bil-frustrazzjoni, għaliex intom il-Qaddejja Sagri Tiegħi, intom ġejtu mogħtija r-responsabbiltà għas-salvazzjoni tal-erwieħ, għaliex dan huwa l-Ministeru tagħkom.

Issa, waqt li Jiena qiegħed Insejħilkom mis-Sema, Nitlobkom sabiex twieġbu għas-Sejħa Tiegħi. Jiena Għandi ħafna Erwieħ Magħżula li jinsabu jaħdmu Miegħi, sabiex iġibuli l-erwieħ, li għalihom tant Jien Imxennaq. Huwa d-dmir tagħkom li issa tqumu mill-irqad u toqgħodu attenti għas-Sejħa Tiegħi. Kunu afu, li dawk minnkom biss li verament tħobbuni, li sejrin jagħrfu Leħni. Bħal ma taf kull omm, it-tarbija tagħraf leħen ommha u hekk intom, il-Qaddejja Maħbuba Tiegħi, tridu ssejħuli bħal tarbija, sabiex intom tassiguraw ruħkom li Jiena Hu, Ġesù l-Maħbub Tagħkom, li ninsab Insejħilkom sabiex iżżommuli Jdejja.

Jiena sejjer Inmexxikom minn qalb din il-ġungla miżewda bix-xewk, li minnha intom tridu timxu sabiex taslu sal-Bieb tal-Ġenna tal-Art il-Ġdida tiegħi. Jaqaw Jiena ma għedtilkomx li sejjer Nerġa’ Niġi sabiex Niġġudika l-ħajjin u l-mejtin? Mela hekk hu, tassew li Jiena dalwaqt Niġi u Għandi Bżonnkom sabiex tgħinuni Nġib lil Ulied Alla kollha flimkien, bħala ħaġa waħda. Kunu afu li bħalissa, kważi ħadd mhu qed jagħrafni, minħabba l-velu ta’ qerq, li għatta lid-dinja kollha. Ħafna nies ma jemmnux f’Alla l-Missier. Ftit nies jaċċettaw li Jien mit, Ġesù Kristu, l-Iben Waħdieni Tiegħu, sabiex insalvahom. Madankollu mbagħad, huma lesti li jemmnu u anke jqimu allat foloz, li ma jeżistux.

Jaħasra kif Naqsam Qalbi bil-Biki u Nħoss Swied ta’ Qalb kbir, meta Nara ż-żgħażagħ jidħku meta jissemma Ismi, u meta jwaqqgħu għaċ-ċajt lil oħrajn, li bil-miftugħ jistqarru li Jiena Neżisti. Kemm Insofri l-istess Uġigħ tal-Kruċifissjoni Tiegħi, meta Nara lil dawk in-nies li jsostnu li huma Nsara, jirrifjutaw li jxandru t-Tagħlim Tiegħi pubblikament, minħabba l-biża’ li jiġu mqwaqqa’ għaċ-ċajt. Id-dinja ġiet imqarrqa, mis-Sultan tal-Gideb. Jiena biss issa Nista’ Nġib it-tama u Nsalva lil ulied Alla mid-destin terribbli, li qiegħed jiġi ppjanat, sabiex jinfirex it-terrur ma’ kull pajjiż, minn dawk l-armati ta’ potenzi globali qawwija, inklużi dawk taħt il-kontroll tal-Profeta Falz u l-Antikrist.

It-Twissijiet Tiegħi kollha, mogħtija lill-Profeta Tiegħi tal-Aħħar taż-Żmien, Marija Ħniena Divina, issa sejrin iseħħu. Sakemm jiġri dan, araw li qatt ma tinsew, li l-lealtà tagħkom hija Lejja, Jien is-Salvatur tagħkom, Ġesù Kristu. Mingħajr l-Imħabba u d-Direzzjoni Tiegħi, intom is-Saċerdoti, sejrin issibuha impossibbli li tidderiġu l-vapur, jiġifieri l-Knisja Mqaddsa Tiegħi fid-dinja. Stenbħu mela issa. Qatt tiċħdu l-profeti t’Alla. Ħafna nies issa qegħdin isostnu li ġejjin f’Ismi, kif bassret l-Iskrittura, iżda dawn ma joffrux l-ikel spiritwali, li jista’ jiġi biss Minni. Ħafna nies qegħdin jitfaċċaw u jiċħdu l-Vuċi Pubblika u Ewlenija Tiegħi lid-dinja, li tinsab f’dawn il-Messaġġi, f’dan l-Aħħar taż-Żmien.

Ftakru li t-talb huwa t-triq tagħkom lura f’Dirgħajja. Itolbu, itolbu u itolbu għall-Grazzji li tiftħu għajnejkom, sabiex tkunu tistgħu tindunaw verament min Jien, qabel ma jkun tard wisq għalikom. Jiena Għandi Bżonn l-għajnuna tagħkom, l-imħabba tagħkom u l-lealtà tagħkom. Ftakru, li kien minħabba Fija li intom ħadtu l-Voti Sagri tagħkom. Issa li Jiena Ninsab Insejjħilkom, araw li ma tiċħdunix. Għannquni magħkom, u ħalluni Niggwidakom, sabiex intom tkunu tistgħu tmexxu l-Knisja tal-Fdal Tiegħi u ssalvaw l-erwieħ. Nagħtikom il-Barka Speċjali Tiegħi, u Nistenna minnkom li twieġbu għas-Sejħa Tiegħi kif ġej, b’din it-Talba tal-Kruċjata.

It-Talba tal-Kruċjata (49). It-Talba tal-Wegħda Solenni ta’ Lealtà mill-Kleru Nisrani:


 
O Ġesù, jien il-qaddej ċkejken tiegħek, inwiegħdek imħabbti u l-lealtà Lejk. Nitolbok bil-ħniena ttini sinjal tas-sejħa tiegħek. Għinni niftaħ għajnejja biex nara l-Wegħda tiegħek. Berikni bil-Grazzja tal-Ispirtu s-Santu, ħalli ma niġix imqarraq minn dawk li jiddikjaraw li jitkellmu f’Ismek, imma li ma jgħidux il-verità. Urini l-Verità. Ħallini nħoss Imħabbtek, sabiex inkun nista’ nwettaq ir-Rieda l-Aktar Imqaddsa tiegħek. Nitolbok, b’qalb umli, biex turini kif nista’ ngħinek issalva l-erwieħ tal-umanità. Ammen.


Issa tinjorawx is-Sejħa Tiegħi. Tiċħdunix meta Nerġa’ Niġi. Din id-darba Ġej, mhux biss biex Insalva l-umanità għal darb'oħra, iżda sabiex Inwettaq ir-Rieda Divina tal-Maħbub Missieri, Alla l-Aktar Għoli. Morru fil-paċi.


Il-Maħbub Ġesù tagħkom