In-Numru 666 Se Jkun Imdaħħal u Moħbi f’Ċippa li Se Tkunu Mġiegħla Taċċettaw, Bħalma Tagħmlu Bi Kwalunkwe Tilqima

Il-Ġimgħa, 1 ta’ Ġunju 2012 at 20:15

In-Numru 666 Se Jkun Imdaħħal u Moħbi f’Ċippa li Se Tkunu Mġiegħla Taċċettaw, Bħalma Tagħmlu Bi Kwalunkwe Tilqima.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-1 ta’ Ġunju, 2012, fit-8.15 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, l-Antikrist diġà qiegħed iħejji l-pjanijiet tiegħu taparsi tal-paċi, li se jintroduċi ftit wara li l-gwerer ikunu nfirxu mal-Lvant Nofsani, u dan meta l-uġigħ u d-diqa ta’ qalb terribbli, jkunu jfissru li ma jkun baqa’ l-ebda sinjal ta’ tama. Imbagħad hu se jidher f’daqqa, u jippreżenta lilu nnifsu lid-dinja bħala r-raġel tal-paċi, il-ġojjell brillanti, li se jiddi f’nofs id-dlam. Hekk kif joħroġ, huwa se jitqies bħala wieħed mill-akbar mexxejja politiċi kariżmatiċi ta’ kull żmien. Il-personalità ħelwa, attraenti u taparsi ħanina tiegħu sejra tqarraq bil-maġġoranza tan-nies. Minnu sejra toħroġ imħabba u kompassjoni u għalhekk sejjer jidher bħala Nisrani. Maż-żmien, hu sejjer jiġbed ħafna segwaċi warajh u li dawn sejrin jikbru fin-numru tagħhom, sabiex isir jixbaħ Lili, Jien, il-Messija.

L-Antikrist sejjer jidher li jkun qiegħed jippromwovi l-għaqda fost il-ġnus kollha, u sejjer ikun maħbub, fi kważi kull pajjiż fid-dinja. Imbagħad sejjer anke jidher li għandu xi ħiliet sopranaturali. Ħafna nies, fil-fatt, sejrin jemmnu li hu ntbagħat minn Missieri, u li hu huwa saħansitra Jiena stess, Ġesù Kristu, is-Salvatur tad-Dinja. Huma se joffru t-talb tagħhom lilu, jkunu jħobbuh, u anke jagħtuħ ħajjithom, imma hu se jidħak bihom u jwaqqagħhom għaż-żufjett, meta ma jkunux jistgħu jarawh. Dan sejjer ikun l-akbar qerq ta’ kull żmien, u l-pjan aħħari tiegħu hu, li jeqirdilkom ruħkom, sabiex jisraqkom minn Miegħi. Hu, u kif ukoll il-Profeta Falz, sejrin joqogħdu bilqiegħda bħas Slaten, fuq is-Sedja ta’ Pietru, ħalli jippjanaw bil-moħbi r-Reliġjon Dinjija u Waħda. Dan il-kult sejjer jidher għan-nies, li huwa xi tip ta’ reliġjon Nisranija, li tippromwovi l-imħabba. Madankollu, mhux se jippromwovi l-imħabba ta’ xulxin li ġejja minn Alla. Imma minflok se tippromwovi l-imħabba u l-lealtà lejn l-Antikrist u l-imħabba tiegħek lejk innifsek.

Imma l-abominazzjoni mhix sejra tieqaf hemm, għax meta jkunu waqqgħu lil ulied Alla għad-dnub, imbagħad jibda l-attakk. F'daqqa waħda, kulħadd sejjer jintalab jaċċetta l-Marka ta’ Lealtà lejn din id-dinja waħdanija. Dinja magħquda, li l-bnedmin kollha se jkollhom jieħdu sehem fiha bilfors. Din il-lealtà sejra tikkontrolla fluskom, l-aċċess tagħkom għall-ikel u kif tgħixu. Regoli, u l-ħafna regoli, sejrin ifissru, li intom se ssiru priġunieri. Din iċ-ċavetta taċ-ċella tagħkom, li żżommkom taħt il-kontroll tagħhom, sejra tkun il-Marka tal-Bhima.

In-numru 666 sejjer ikun imdaħħal u moħbi f’ċippa li intom sejrun tkunu mġiegħla taċċettaw bilfors, bħalma tagħmlu bi kwalunkwe tilqima oħra. Ladarba dan in-numru jkun daħal fikom, sejjer jivvelena, mhux biss lil moħħkom u lir-ruħkom, iżda wkoll lil ġisimkom. Għaliex se jikkawża pesta fatali fikom, imfassla apposta sabiex teqred ħafna mill-popolazzjoni tad-dinja. Uliedi, intom m’għandkomx taċċettaw din il-Marka. Minflok, Jiena sejjer Nagħtikom Struzzjonijiet dwar x’għandkom tagħmlu. Ħafna nies sejrin jaċċettaw din il-Marka, għaliex sejrin iħossuhom li jkun kollu ta’ xejn, jekk huma jippruvaw jirrifjutawha.

Meta tirċievu s-Siġill tal-Protezzjoni tiegħi (*), mogħti lilkom minn Missieri Etern, intom mhux se jkollkom għalfejn taċċettaw il-Marka tal-Bhima. Le, intom ma tintmissux. Id-dar tagħkom mhux se tkun tidher, ma ssirilhiex  tfittxija, jew tkun fil-mira, għaliex sejra tkun inviżibbli f’għajnejn l-armata tax-Xitan (Satana). Għalhekk ikollkom bżonn taħżnu u taħbu l-ikel, li jrid iservi għal ftit snin. Ikollkom bżonn tkabbru l-uċuħ tar-raba’ tagħkom stess, taħżnu l-ilma tagħkom stess u żżommu l-Oġġetti Qaddisa kollha madwarkom. Il-Knisja tal-Fdal Tiegħi sejra tikber u tinfirex, u iva, intom sejrin tingħataw Kenn, jekk ikun hemm bżonn.

Issa hemm bżonn ta’ ħafna ppjanar min-naħa tagħkom uliedi. Tagħtux kas ta’ dawk li jidħku bikom, minħabba dak li tkunu qegħdin tagħmlu, jew jiddubitawkom, meta jgħidulkom li żgur Ġesù mhux qiegħed jitlobkom tagħmlu dan! Forsi jistaqsukom: Mela Alla ma jipprovdix Hu lis-segwaċi tiegħu kollha, fil-ħin tal-bżonn tagħhom? Issa kunu afu uliedi: Għal Alla, anke ħobża waħda u ħuta waħda jistgħu jiġu mmultiplikati għalikom. Għalhekk ma jimpurtax jekk għandkom biss ftit ikel maħżun, għaliex Jiena Nipproteġikom u tibqgħu fiż-żgur. Itolbu bil-qawwa għal dawk l-erwieħ (nies ħajjin) li ma jkunux jistgħu jevitaw il-Marka tal-Bhima. Dawk l-erwieħ innoċenti, li jkunu fi stat ta’ grazzja fil-ħin li jkunu mġiegħla jaċċettaw iċ-ċippa, xorta sejrin jiġu salvati. Il-bqija minnkom, intom tridu tippjanaw kif se tipproteġu l-familjari tagħkom, il-lealtà tagħkom lejn l-Ewkaristija Mqaddsa u lejn il-Quddiesa.

Meta l-Antikrist jaħtaf u jibla’ r-reliġjonijiet kollha, l-uniċi armi li ma jkunx jista’ jiflaħ għalihom jkunu l-Quddiesa Mqaddsa u t-Tranżubstanzjazzjoni tal-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demmi Tiegħi, fl-Ewkaristija Mqaddsa. Il-Quddies Tiegħi jkun irid ikompli jiġi Ċċelebrat. Dawk minnkom li tafu b’dan kollu, minn issa tridu tinġabru flimkien, u tibdew il-preparazzjonijiet. Iktar ma tibdew tippreparaw malajr u kmieni, iktar sejrin jingħatawlkom Grazzji sabiex tikbru fin-numru madwar id-dinja. Fuq il-Blata Tiegħi, sejra titella binja ġdida, li sejrin jgħidu li hija t-tempju l-ġdid tiegħi. Pero dan mhux veru. Imma, meta tintemm il-persekuzzjoni tagħkom, intom il-Knisja tal-Fdal Tiegħi u l-Poplu l-Magħżul Tiegħi, sejjer ikollhom it-Tempju mibni mill-ġdid, u Ġerusalemm il-Ġdida Tiegħi sejra tinżel mis-Sema. Hija se tinżel fil-Glorja. It-trombi se jinstemgħu fis-Sema u fl-Art, fl-istess ħin.

U mbagħad Niġi Jien. Inti binti, sejra tħabbar il-Wasla Tiegħi u ħafna nies sejrin jinżlu mal-art u f’estasi, jibku bis-serħan, bl-imħabba u bil-ferħ. Għaliex fl-aħħar, ikun wasal il-mument li kienu ilhom jistennew. Is-smewwiet se jixegħlu, ir-ragħad ikarwad u l-Kori tal-Anġli se jkantaw flimkien, hekk kif ulied Alla kollha, sejrin jilqgħu lill-Messija Veru. Jiena, Ġesù Kristu, sejjer Niġi sabiex Niġġudika. U s-Sema u l-Art, sejrin jingħaqdu ħaġa waħda flimkien. Imbagħad jitfaċċa l-Isplendur Glorjuż Ġdid, l-art imġedda, u l-Ġenna tal-Art il-Ġdida li sejrin iħaddnu lil dawk kollha li isimhom jinsab miktub fil-Ktieb tal-Ħajjin, li sejrin jingħaqdu ħaġa waħda flimkien. 

U filwaqt li t-tmiem tal-art il-qadima, imħassra bit-tebgħa tad-dnub, se tkun waslet fi tmiemha, l-Era l-Ġdida tkun għadha kemm bdiet. Dan huwa dak li tridu tistinkaw għalih uliedi. Dan huwa dak li intom għandkom dritt għalih bħala parti mill-wirt naturali tagħkom. Qisu li tiffokaw biss fuq it-talb għas-salvazzjoni tal-erwieħ kollha. Huwa għalhekk li intom tridu tinjoraw l-ostakli ppreżentati lilkom. Il-persekuzzjoni. L-uġigħ. Il-biża’ tal-ħażen, kollha ġejjin minn idejn l-oħrajn. Issa, kulma jimporta huwa s-salvazzjoni tal-erwieħ.


Is-Salvatur tagħkom,
Ġesù Kristu

(*) It-Talba tal-Kruċjata (33). It-Talba tas-Siġill ta’ Alla l-Ħaj:
Alla l-Missier qiegħed jitlob li aħna lkoll naċċettaw dan is-Siġill bħala Protezzjoni għal kull wieħed u waħda minna u l-familji tagħna fiż-żminijiet diffiċli futuri li se jkollna ngħixu fihom. Alla l-Missier: “Biex tagħraf is-Siġill tiegħi u taċċettah b’imħabba, ferħ u gratitudni”.

O Alla tiegħi, Maħbub Missieri, naċċetta b’imħabba u gratitudni, s-Siġill Divin tiegħek ta’ Protezzjoni. Id-Divinità tiegħek taħkimli l-ġismi u l-ruħi għall-eternità. Maħbub Missieri, b’umiltà ninżel quddiemek, inroddlok ħajr, noffrilek imħabbti profonda u fedeltà. Nitolbok bil-ħniena, b’dan is-Siġill speċjali, tipproteġi lili u l-maħbubin tiegħi, u nwiegħed ħajti għas-servizz tiegħek, għal dejjem. Inħobbok Missier Għażiż. Nikkunslak f’dawn iż-żminijiet Missier Għażiż. Noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Ibnek il-Maħbub, bi tpattija għad-dnubiet tad-dinja, u għas-Salvazzjoni ta’ wliedek kollha. Ammen.