Dalwaqt Ħafna, l-Infern Se Jiġi Ddikjarat Formalment Bħala Post Li Ma Jeżistix

Il-Ħadd, 12 ta’ Jannar 2014 @ 20:28

Dalwaqt Ħafna, l-Infern Se Jiġi Ddikjarat Formalment Bħala Post Li Ma Jeżistix.
Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-12 ta’ Jannar, 2014, fit-8.28 pm.


Maħbuba binti l-għażiża, li kieku ma kontx Jiena, Ġesù Kristu, fejn qed inkellem lid-dinja bħalissa, kieku ħafna erwieħ qatt ma kienu ser jidħlu mill-Bieb tal-Ġenna.

Tant erwieħ (nies ħajjin) ingrati, ma baqgħux jobdu l-liġijiet tiegħi u għalhekk qed joħolqu l-interpretazzjoni tagħhom huma stess, li Jiena nsibha diżgustanti.

Dawn ir-regoli li għandhom x’jaqqsmu mal-Verità, ngħataw bħala Don (Rigal) lill-bnedmin kollha, bħala mezz biex il-bniedem ikun jista’ jirbaħ id-dritt għas-salvazzjoni.

Ma tafux li ma tistgħux tgħixu skont il-verżjoni tagħkom tal-Liġijiet ta’ Alla, u mbagħad tistennew li tidħlu l-Ġenna?

L-arroganza tal-bniedem qabżet l-ispirtu tal-umiltà.

Il-bniedem ma baqax jaqdi lil Alla kif kien ordnat.

Minflok, qed joħloq mill-immaġinazzjoni tiegħu stess, viżjoni oħra ta’ dak li jemmen li hi l-Ġenna.

Illum, l-ebda Qaddej (Saċerdot) tiegħi, jiġifieri dawk maħtura biex jaqduni, qatt ma jirreferi għall-eżistenza tal-Infern.

Anke sempliċiment li wieħed issemmi l-kelma Infern, jimbarazza lill-Qaddejja Sagri tiegħi, għax jibżgħu mir-redikolu li jkollhom jiffaċċjaw mis-soċjetà sekulari, li ġiet imqarrqa.

L-infern huwa d-dar ta’ kwantità ta’ erwieħ imsejkna, u kemm iweġġagħni nara l-erwieħ bla ebda suspett, niezlin fl-abbissi tal-waħx, fil-mument li jieħdu l-aħħar nifs ta’ ħajjithom.

Ulied Alla issa jridu jiġu mgħarrfa dwar l-urġenza, ħalli jitolbu għal erwieħ (nies ħajjin) li huma għomja għall-Verità.

Dalwaqt ħafna, l-Infern se jiġi ddikjarat formalment bħala post li ma jeżistix.

Lin-nies se jgħidulhom li dawk l-ulied kollha ta’ Alla, ladarba jgħixu ħajja raġonevoli u dinjituża, u dan irrispettivament minn jekk jemmnux f’Alla, jew le, se jingħataw il-Ħajja Eterna.

Imma dan se jkun gidba.

M’hemm l-ebda ritorn mill-Infern.

Dan huwa għall-eternità.

Ħafna erwieħ li ċaħduni bil-miftuħ, sew privatament kif ukoll pubblikament, se jinqerdu fl-Infern.

Id-dispjaċir qares tagħhom isirilhom agħar mit-tbatija, l-uġigħ u l-mibegħda tax-Xitan (Satana).

Ladarba jkunu fl-Infern, ix-Xitan  jurihom lilu nnifsu fil-forom kiefra u vili kollha tiegħu, u l-mibegħda tiegħu lejhom tfawwarhom kull sekonda.

L-istmerrija tagħhom għalih, jiġifieri l-istess Bhima, li taw qima matul ħajjithom fid-Dinja, hija l-kawża ta’ ħafna mill-uġigħ tagħhom.

Imma, hija s-separazzjoni tagħhom Minni u l-uġigħ tad-dlam li jesperjenzaw, li toħloq l-akbar qerda fihom.

Kwalunkwe bniedem li jgħidilkom f’Ismi, li l-Infern ma jeżistix ,m’għandu l-ebda interess li jgħinkom biex issalvaw ruħkom.

Meta tkunu konvinti li l-Infern ma jeżistix, allura tassumu ħażin li d-dnub huwa irrilevanti.

Ma tistgħux taqdu Lili jekk temmnu li d-dnub ma jeżistix.

Intom ma tistgħux tgħixu l-ħajja glorjuża għall-eternità fis-Saltna tiegħi, jekk ma titolbunix biex naħfrilkom dnubietkom.

Din hija l-qalba tad-duttrina l-ġdida, li dalwaqt se tiġi introdotta, u li se tkunu mġiegħela tibilgħu bil-forza.

Hawn ikun meta tiġu mqarrqa biex tittraskuraw il-preparazzjoni ta’ ruħkom għall-Jum il-Kbir tal-Mulej, meta Jiena niġi biex noħodkom miegħi.

Qiegħed ngħidilkom dan biex inwissikom, u mhux biex inbeżżagħkom.

Nitlobkom bil-ħniena, biex taċċettaw id-dnub bħala parti minn ħajjitkom, imma nħeġġiġkom biex tkomplu tevitaw is-seba’ dnubiet mejta, għax meta tagħmlu dan, tkunu qieghdin togħoġbu Lili.

Tridu dejjem tistqarru dnubietkom.

Agħmlu hekk kuljum.

Kellmuni u itolbuni biex naħfrilkom.

Għal dawk minnkom li ma jistgħux jirċievu s-Sagrament tal-Qrar, jiġifieri dawk li jsegwu waħda mill-ħafna twemmin u reliġjonijiet oħra, allura tridu taċċettaw id-Don li tajtkom tal-Indulġenza Plenarja.

Ħudu ħsieb ruħkom, għax hija ruħkom li se tgħix għal dejjem.

Intom se tgħixu f’wieħed biss minn żewġ postijiet, għall-eternità: jew fl-Infern jew fis-Saltna tiegħi.


Ġesù tagħkom
 

Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM