Linji Gwida għall-Gruppi tat-Talb tal-Kruċjata li Jiltaqgħu Fiżikament Flimkien.

Hawnhekk wieħed ukoll jista' jsib it-Talb tal-Kurunella tal-Ħniena Divina, ir-Rużarju Mqaddes u xi talb ieħor.

Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tat-23 ta’ Ottubru, 2011, fis-7.15 pm.
Jiena Nixtieq Nifforma Armata ta’ Gruppi ta’ Talb.

Maħbuba binti l-għażiża, irridkom tkunu tafu, li Jiena nixtieq Nifforma armata ta’ gruppi ta’ talb madwar id-dinja kollha. Jiena sejjer Nipprovdilkom, lilkom l-armata tiegħi, bit-talb meħtieġ, sabiex jiġi reċitat għas salvazzjoni tal-erwieħ (nies ħajjin). Dawn il-gruppi ta’ talb se jinxterdu, u minn ġol-gradi tagħhom, sejra tqum armata vera ta’ segwaċi devoti, sabiex iwasslu l-Verità tal-Wegħda Divina tiegħi tas-Salvazzjoni lil kulħadd. Dawn il-gruppi se jiffurmaw l-armata kif kien Iddettat minn Missieri l-Għażiż, u dan sabiex jingħeleb id-dlam tal-ħażen, ikkawżat mix-Xitan (Satana) u minn dawk li jemmnu fih, kif ukoll mis-segwaċi tiegħu.


Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-10 ta’ Awwissu, 2011, fil-11.00 pm.
Il-Biża’ mit-Twissija l-Kbira, Mhix Xi Ħaġa li Jiena Ninkoraġġixxi.

Il-paċenzja, it-talb fis-skiet ta’ kuljum, il-formazzjoni ta’ gruppi tat-talb, ir-reċitazzjoni ta’ kuljum tal-Kurunella tal-Ħniena Divina, is-sawm u r-Rużarju Mqaddes lil Ommi l-Għażiża, kollha flimkien, huma r-riċetta perfetta għas-salvazzjoni tal-erwieħ.


Dettalji Dwar il-Gruppi tat-Talb tal-Kruċjata:
Minn tal-inqas żewġ persuni jridu jinġabru flimkien sabiex jitolbu. Huwa ttamat li maż-żmien, ħafna  nies jingħaqdu f’din il-Missjoni ta’ Ġesù lill-Umanità sabiex isalvaw l-erwieħ kollha. Dan il-laqgħa tista’ ssir fid-djar privati jew f’postijiet pubbliċi, fejn intom ikolkom il-permessi minn qabel li tinġabru. Jekk ikun possibbli, din il-laqgħa għandha tkun f’post ta’ qima.

Il-membri għandhom jiltaqgħu kemm jista’ jkun ta’ spiss. Anke jekk tistgħu tibdew b’ġurnata waħda jew tnejn fil-ġimgħa, u forsi jkollkom nies differenti jiġu kuljum. L-għan tal-grupp ta’ talb huwa, li jekk tkunu tistgħu, tiltaqgħu kuljum. Jekk il-grupp tagħkom ikun kbir biżżejjed, jista’ jkollkom lil xi ħadd li jmexxi u jorganizza volontarjament, jew anke diversi persuni jistgħu jaqsmu dik ir-responsabbiltà jew sempliċement iduru u jaqsmu din ir-responsabbiltà skond min imissu. Forsi wkoll tkunu tistgħu tiċċaqalqu minn dar għal oħra.

Huwa importanti ħafna li ma tgħaġġlux waqt it-talb. Dawn il-Gruppi ta’ Talb se jagħmlu xogħol tajjeb ħafna peress li huma parti mill-Armata t’Alla, f’din il-battalja għall-erwieħ (nies ħajjin). It-talb huwa l-arma. Għalhekk, jekk jogħġobkom, ippruvaw ftakru, li iktar ma jkun qawwi t-talb, iktar tkun qawwija l-arma tagħkom. Filwaqt li Sidna l-Mulej Ġesù talabna nitolbu l-Kurunella tal-Ħniena Divina fit-3pm, Huwa talabna wkoll sabiex nitolbuha kemm il-darba kuljum.

Huwa rakkomandat li jkollkom Kurċifiss imbierek, xemgħa mixghula mbierka u Ilma Mbierek (jew Żejt Imbierek) sabiex kulħadd ibierek lilu nnifsu. Messaġġ tal-25 ta’ Jannar, 2013, fit-8 pm.
 
Skeda tal-Ħinijiet:
1. Huwa rakkomandat li tibdew mill-ewwel bit-talb. Kemm waqt (i) ir-Rużarju, kif ukoll waqt (ii) it-Talb tal-Kruċjata u (iii) l-Kurunella tal-Ħniena Divina, huwa rakkomandat li wieħed jitlob bil-mod u mill-qalb. Għandu jingħad tal-anqas Misteru wieħed tar-Rużarju l-aktar Imqaddes tal-Madonna, u dan billi wieħed jagħti kas ta’ dak li jkun qiegħed jgħid u ma’ min qiegħed jitkellem. Il-Madonna talbet lin-nies ta’ kull twemmin, sabiex jitolbu r-Rużarju tagħha. Jekk il-grupp jikber biżżejjed, tistgħu tirreċitaw ir-Rużarju billi nofs il-knisja tirrispondi lin-nofs l-ieħor. Kif għandu jintalab ir-Rużarju huwa imniżżel hawn taħt.

2. Huwa rakkomandat li waqt it-Talb u l-Litaniji kollha tal-Kruċjata, jitħalla ħin adegwat għall-intenzjonijiet personali. L-aħjar huwa li kulħadd jitlob l-intenzjonijiet tiegħu f’qalbu fis-skiet. Forsi jista’ jiġi kkunsidrat li n-nies ibaxxu rashom waqt l-intenzjonijiet personali u mbagħad jerfgħuhom meta jkunu lesti, sabiex min ikun qiegħed imexxi ikun jista’ jipproċedi mingħajr ma jwaqqaf lil ħadd. Min ikun qiegħed imexxi għandu jżomm f’moħħu, li xi membri jkollhom familji kbar u għalhekk aktar intenzjonijiet, u huwa importanti li dawn kollha jiġu inklużi. Fit-Tieni Litanija tal-Kruċjata, huwa rakkomandat li l-intenzjonijiet għall-erwieħ fid-dlam kbir u dawk li se jmutu f’dak il-jum, jiġu inklużi mal-intenzjonijiet l-oħra tagħkom. Jekk il-grupp ikun kbir biżżejjed, min imexxi jista’ anke joqgħod faċċata tal-grupp, sabiex jinduna meta n-nies ikunu lestew l-intenzjonijiet tagħhom u t-talb ikun jista’ jkompli.

3. Ir-reċitazzjoni tal-Kurunell tal-Ħniena Divina għandha wkoll tingħad bil-qalb, segwita mit-talba speċjali mogħtija mill-Mulej Ġesù, kif imniżżla hawn taħt. Il-Kurunella tista’ anke titkanta. Jekk il-ħin jippermetti, il-Misteri li jifdal tar-Rużarju għandhom jintalbu wkoll bħala grupp flimkien. Jekk mhux kulħadd jista’ jibqa’ għall-Misteri kollha, huwa rakkomandat li dawk li jistgħu, jibqgħu sabiex jitolbuhom. Niftakru li hemm qawwa kbira fit-talb tagħna flimkien bħala Grupp ta’ Talb tal-Kruċjata.

4. Wara t-talb, xi Messaġġi riċenti mingħand Marija Hniena Divina, li jkunu ħarġu mill-aħħar laqgħa, għandhom jinqraw bil-mod u b’rispett. Tkun ta’ għajnuna jekk kopji tal-Messaġġi li se jinqraw jitqassmu lil dawk li m’għandhomx kompjuter. Ħadd m’għandu jinterpreta dawn il-Messaġġi għaliex Ġesù diġà qalina, li anke Marija stess mhijiex kwalifikata biex tinterpretahom. L-interpretazzjoni żbaljata tista’ tbiegħed l-erwieħ u l-għan ta’ din il-Missjoni huwa li tilħaq lill-erwieħ kollha u ta’ kull twemmin, saħansitra ukoll ta’ dawk li ma jemmnu f’xejn. Ħadd mhu eskluż mit-talb tagħna.

5. Id-diskussjonijiet tal-Messaġġi għandhom ikunu limitati għal kwotazzjonijiet diretti u eżatti mill-messaġġi oriġinali. Huwa ħafna rakkomandat li kulħadd jitlob għad-dixxerniment rigward il-Messaġġi, minħabba l-periklu kbir li jiġu interpretati ħażin. Huwa rakkomandat li jekk issibu diffikultà sabiex tifhmu Messaġġ partikolari, titolbu dwaru.

Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tas-7 ta’ Marzu, 2013, fil-11.05 am.
It-talb Sejjer, u Jista’ Isalva lill-umanità.
Agħżlu t-Talb tal-Kruċjata li Jiena nagħtikom u għiduhom, sabiex tkunu tistgħu tiffokaw fuq talbiet differenti waqt kull laqgħa tal-Grupp ta’ Talb. Jekk, pereżempju, qegħdin titolbu t-Talb tal-Kruċjata għall-Grazzja tal-Immunità, agħmlu dan b’mod, li l-Grupp tat-Talb, dakinhar, ikun jista’ jikkonċentra fuq għażla ta’ Talb tal-Kruċjata, li jsejjaħ għall-protezzjoni ta’ Alla għall-erwieħ. Imbagħad f’ġurnata oħra, iffokaw fuq għażla ta’ Talb li ingħatawlkom għall-protezzjoni tas-Saċerdoti u tal-Kleru.


IL-FORMAT TA’ 60 MINUTA TA’ TALB TAL-KRUĊJATA
1. Talba tal-Ftuħ “Ġesù aħfirli, għax dnibt” (24 ta’ Settembru, 2013)
2. Talb tal-Kruċjata 96 (25 ta’ Jannar, 2013)
3. Invokazzjoni tal-Qaddisin (11 ta’ Mejju, 2011)
4. Talba San Mikiel (6 ta’ Marzu, 2014, miktuba aktar l-isfel)
5. Recital ta’ kuljum tar-Rużarju Mqaddes lil Ommi Maħbuba (20 ta’ Ġunju, 2012, miktub aktar l-isfel)
6. Tema Talb tal-Kruċjata ta’ Kuljum (7 ta’ Marzu, 2013)
7. Tema Kruċjata Talb (19 ta’ Awwissu, 2012 u 7 ta’ Marzu, 2013)
8. Talb tal-Litanija ta’ Kuljum (19 ta’ Awwissu, 2012 u 21 ta’ Lulju, 2012 u 24 ta’ Awwissu, 2012)
9. It-Talba ta’ kuljum tal-Kurunella tal-Ħniena Divina (10 ta’ Awwissu, 2011 miktuba aktar l-isfel)
10. Talba tal-aħħar tal-Kruċjata, Talba 96 (25 ta’ Jannar, 2013)
11. Qari ta’ xi Messaġġi (8 ta’ Awwissu, 2012).
 

Mill-Ktieb tal-Verità. Messaġġ mill-Maħbub Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, lil Marija Ħniena Divina, tal-25 ta’ Jannar, 2013, fit-8 pm.
Jiena Sejjer Intaffi Ħafna mit-Tbatija Mbassra, Permezz tal-Qawwa tal-Gruppi ta’ Talb tal-Kruċjata Tiegħi.
Il-Messaġġi tiegħi huma mimlijin Tama u Jiena sejjer Intaffi ħafna mit-tbatija mbassra, permezz tal-qawwa tal-Gruppi tiegħi ta’ Talb tal-Kruċjata tiegħi. L-iskop ta’ din il-Missjoni hu li Jsalvaw l-erwieħ (nies ħajjin). Qatt ma kien hemm skop ieħor. Il-Messaġġi tiegħi qegħdin jingħataw sabiex jilluminawkom, sabiex javżawkom dwar il-perikli li jinfuwenzaw il-fidi tagħkom, u sabiex jippreparawkom għall-Ġenna tal-Art il-Ġdida tiegħi. Morru issa, fil-Paċi. Jiena sejjer Inkopri kull Grupp ta’ Talb tal-Kruċjata bl-Abbundanza tiegħi ta’ Grazzji, inkluż id-Don tad-Dixxerniment.

Approvat minn Maria Ħniena Divina nhar il-Ħadd 21 ta' Mejju, 2023 fl-00:23 ta’ fil-għodu


IL-KURUNELLA TAL-ĦNIENA DIVINA

Fl-1933, Alla ta lil Suor Faustina viżjoni impressjonanti tal-Ħniena tiegħu. Is-Soru  tgħidilna:
“Jiena rajt dawl kbir, b’Alla l-Missier f’nofsu. Bejn dan id-dawl u l-art rajt lil Ġesù msammar mas-Salib u b’tali mod li Alla, billi ried iħares lejn l-art, kellu jħares minn ġol-Ġrieħi tal-Mulej tagħna u fhimt li Alla bierek l-art f’ġieħ Ġesù.”

Dwar viżjoni oħra fit-13 ta’ Settembru, 1935, hija tikteb hekk:
“Rajt Anġlu, l-eżekutur tal-korla t’Alla… wasal biex jolqot l-art… Jiena bdejt nitlob lil Alla bil-ħerqa għad-dinja bi kliem li smajt ġewwa fija. Hekk kif tlabt b’dan il-mod, rajt l-impotenza ta’ dan l-Anġlu, u ma setax iwettaq il-kastig ġust….”

L-għada vuċi interna għallmitha tgħid din it-talba fuq żibeġ tar-rużarju ordinarji:
“Ibda billi tagħmel is-Sinjal tas-Salib: Fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen. L-ewwel għid ‘Missierna’ waħda, ‘Ave Marija’, u ‘Nemmen f’Alla’.

Imbagħad fuq iż-żibeġ il-kbar għid il-kliem li ġej:
‘Missier Etern, jiena noffrilek il-Ġisem u d-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Ibnek il-Għażiż, Sidna Ġesù Kristu, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u dawk tad-dinja kollha.’

Fuq iż-żibeġ iż-żgħar għandek tgħid il-kliem li ġej:
‘F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħu, Ħenn għalina u għad-dinja kollha.’ Irrepeti dawn iż-żewġ talbiet għall-ħames deċennji kollha.

Bħala konklużjoni għandek tgħid dawn il-kliem tliet darbiet:
‘Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali, Ħenn għalina u għad-dinja kollha, Ammen.’
 
Talba lil Ġesù Ħanin
O Ġesu` ħanin, aħna nemmnu Fik u nafdaw Fik. Għinna għaliex aħna dgħajfa u bla ħila. Agħtina l-grazzja li nwassluK lill-bnedmin kollha biex jagħarfuk u jħobbuk. U jkollna fiduċja fil-kobor bla qies ta’ Mħabbtek, sabiex inkunu nistgħu niġġieldu kontra l-ħażen li hemm fina u fid-dinja kollha għall-Glorja Tiegħek u għas salvazzjoni ta’ ruħna. Ammen.
 
Ikkonkludi bis-Sinjal tas-Salib: ‘Fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.’

Ġesù tana din it-talba li ġejja permezz ta’ Maria Ħniena Divina:
“Għid din it-talba kuljum wara li tirreċita l-Kurunella tal-Ħniena Divina tiegħi u int, permezz tal-lealtà tiegħek lejja, tgħin biex issalva lil uliedi.”

Imlieni issa, o Mulej, bid-Don tal-Ispirtu s-Santu biex inwassal il-Kelma l-Aktar Imqaddsa tiegħek lill-midinbin, li rrid ngħin biex insalva f’Ismek. Bit-talb tiegħi, għinni niksihom, b’Demmek il-Prezzjuż, sabiex jinġibdu lejn il-Qalb Imqaddsa tiegħek. Agħtini d-Don tal-Ispirtu s-Santu, sabiex dawn l-erwieħ imsejkna, jkunu jistgħu igawdu fil-Ġenna tal-Art il-Ġdida tiegħek. Ammen.

Aktar tard, Ġesù qal lil Swor Faustina:
“Għid bla waqfien din il-Kuruna li għallimtkom. Kull min jgħidha jirċievi Ħniena kbira fis-siegħa tal-mewt. Il-Qassisin jirrakkomandawha lill-midinbin bħala l-aħħar tama. Anke l-akbar midneb ta’ qalb iebsa, jekk jirreċita din il-Kurunella, anke darba biss, jirċievi Grazzja mill-Ħniena Infinita tiegħi. Irrid li d-dinja kollha tkun taf il-Ħniena Infinita tiegħi. Irrid nagħti grazzji inkonċepibbli lil dawk li jafdaw fil-Ħniena tiegħi.”
“Meta intom titolbu din il-Kurunella fil-preżenza ta’ min ikun qiegħed imut, Jiena noqgħod bejn Missieri u l-persuna li tkun qegħda imut mhux bħala l-Imħallef Ġust iżda bħala s-Salvatur Ħanin”.

Tista’ tingħad ukoll il-Litanija tal-Ħniena Divina.


IR-RUŻARJU MQADDES

Il-Knisja ilha tuża tlett settijiet ta’ misteri għal ħafna sekli. Fl-2002 il-Papa Ġwanni Pawlu II ippropona r-raba’ sett ta’ misteri: il-Misteri tad-Dawl. Skont is-suġġeriment tiegħu, jekk tista’ titlob misteru wieħed biss kuljum.
L-erba’ settijiet ta’ misteri jistgħu jintalbu fil-jiem li ġejjin:
Il-Misteri tal-Ferħ: nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Sibt,
Il-Misteri tat-Tbatija: nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ġimgħa,
Il-Misteri tal-Glorja: nhar ta’ Erbgħa u l-Ħadd, u
Il-Misteri tad-Dawl: nhar ta’ Ħamis.

Il-Misteri tar-Rużarju
Il-Misteri tal-FERĦ [jingħadu t-Tnejn u s-Sibt]:
1. Meta l-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Sidtna Marija li kellha tkun Omm Alla.
2. Meta Sidtna Marija marret iżżur lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta.
3. Meta Sidna Ġesù Kristu twieled fil-Għar ta’ Betlehem.
4. Meta Sidtna Marija ppreżentat lil Binha Ġesù fit-Tempju.
5. Meta Sidtna Marija tilfet lil Binha Ġesù, u wara tlett ijiem sabitu jiddiskuti mad-dutturi.

Il-Misteri tat-TBATIJA [jingħadu t-Tlieta u l-Ġimgħa]:
1. Meta Sidna Ġesù Kristu talab fl-ort u għereq l-għaraq tad-demm.
2. Meta Sidna Ġesù Kristu kien marbut mal-kolonna u ġie msawwat.
3. Meta Sidna Ġesù Kristu kien inkurunat bix-xewk.
4. Meta Sidna Ġesù Kristu kien mgħobbi s-salib minngħand Pilatu sal-Kalvarju.
5. Meta Sidna Ġesù Kristu kien mislub fuq is-salib u wara tliet sigħat miet.

Il-Misteri tal-GLORJA [jingħadu l-Erbgħa u l-Ħadd]:
1. Meta Sidna Ġesù Kristu qam minn bejn l-imwiet.
2. Meta Sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema.
3. Meta Sidna Ġesù Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli.
4. Meta Sidtna Marija giet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.
5. Meta Sidtna Marija giet inkurunata mit-Trinità Mqaddsa.

Il-Misteri tad-DAWL [jingħadu l-Ħamis]:
1. Meta Sidna Ġesù Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan.
2. Meta Sidna Ġesù Kristu wera min hu fit-tieġ ta’ Kana.
3. Meta Sidna Ġesù Kristu ħabbar is-Saltna t’Alla u sejjaħ għall-indiema.
4. Meta Sidna Ġesù Kristu tbiddel quddiem l-Appostli fuq il-muntanja Tabor.
5. Meta Sidna Ġesù Kristu waqqaf l-Ewkaristija, it-tifkira tal-Misteru tal-Għid.

Is-Sinjal tas-salib:
Ibda billi tagħmel is-Sinjal tas-Salib u tbierek lilek innifsek: + Fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben,u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Imbagħad irreċita:

Il-Kredu tal-Appostli (darba biss):
Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art; u f’Ġesú Kristu, Ibnu wieħed Sidna; li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni; bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh; niżel il-Limbu, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet; tela’ fis-smewwiet, qiegħed in-naħa tal-lemin ta’ Alla l-Missier, li jista kollox; minn hemm għandu jerġa’ jiġi biex jaħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.
R/. Nemmen fl-Ispirtu s-Santu; fil-Knisja Mqaddsa Kattolika, fix-Xirka tal-Qaddisin; fil-maħfra tad-dnubiet; fil-qawma mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem.  Ammen

Wara għid Missierna waħda, 3 Ave Maria (għall-virtujiet tal-Fidi, it-Tama u l-Karità) u fl-aħħar Glorja (darba waħda biss)

Alla tagħna (darba biss):
Alla tagħna isma’ t-talb tagħna, eħles għinna u ieqaf magħna.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. Kif kien fil-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Marija Santissima, urina li inti Ommna.
R/. Għalik Hu jisma t-talb tagħna. Ġesù li twieled għalina u li ried ikun ibnek bħalna.

Naħsbu fl-ewwel misteru minn tal-(Ferħ, Tbatija, Glorja jew Dawl), meta …

Il-Missierna (qabel kull posta):
Missierna li inti fis-Smewwiet, jitqaddes Ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art.
R/. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni. Ammen.

Is-Sliema (10 kull posta, żibeġ żgħar):
Sliema għalik, Marija, bil-grazzja mimlija, il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù.
R/. Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina, midinbin, issa, u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen

Il-Glorja: (wara kull posta, żibġa kbira):
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
R/. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

It-Talba ta’ Fatima (wara l-Glorja):
O Ġesù tiegħi, aħfrilna dnubietna, eħlisna min-nar tal-infern.
R/. Ħu l-ġenna l-erwieħ kollha, l-aktar dawk li għandhom bżonn tal-ħniena tiegħek.

Omm is-Salvazzjoni
R/. Itlob għalina

Is-Salve Reġina (wara l-5 talba ta’ Fatima):
Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna. Sliem għalik, lilek ingħajtu, aħna, turufnati, ulied Eva. Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ. 
R/. Ejja mela, avukata tagħna; dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena.  Urina, wara dan it-turufnament, lil Ġesù frott imbierek tal-ġuf tiegħek, O ħanina, o pija, o ħelwa, Verġni Marija.
(Vers) Itlob għalina, o Omm Qaddisa ta’ Alla.
R/. Biex insiru denji tal-wegħdiet ta’ Kristu.

Jista’ jingħad xi talb għal erwieħ u għall-Knisja, għal Papa, it-talba lil Anġlu Kustodju, l-Anġelus, kif ukoll il-Litanija.

Talba tal-Aħħar:
Itlob għalina Qaddisa Omm Alla.
R/. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedna Krstu.
Nitolbu:  Għati lilna qaddejja tieghek, Mulej Alla, nitolbuk, li ngawdu dejjem is-saħħa tar-ruħ u tal-ġisem: u bl-interċessjoni tal-Imqaddsa u Glorjuża Marija dejjem Verġni, nkunu meħlusin mid-dwejjaq ta’ issa, u ngawdu l-hena ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

It-Talba lil San Mikiel Arkanġlu:
San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida, kun Int l-għajnuna tagħna, kontra l-ħażen u t-tnassis tad-Demonju. Irażżnu Alla nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja tas-Sema, itfa’ bil-qawwa t’Alla, fil-qiegħ tal-Infern, lix-Xitan u l-ispirti mniġġsa l-oħra, li jiġġerrew fid-dinja, għat telfien tal-erwiegħ. Ammen.

It-Talba  lil Anġlu Kustodju:
Anġlu t’Alla, li fi-tjubija tiegħu, Alla tani biex tħarisni, dawwalli moħħi, ħarisni, żommni u mexxini f’dm il-jum (jew lejl). Ammen.

Għall-Intenzjonijiet tal-Qdisjija tiegħu il-Papa:
Il-Kattoliċi li jgħidu r-Rużarju fi grupp, jew, individwalment quddiem is-Sagrament Imqaddes, jistgħu jiksbu indulġenza plenarja taħt il-kundizzjonijiet tas-soltu, li tinkludi talb għall-intenzjonijiet tal-Qdisjija tiegħu il-Papa.
Ikun irid jingħad: Missierna waħda, Sliema waħda, u Glorja waħda.

Talba għall-Erwieħ tal-Purgatorju:
Agħtihom , O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
R/. Id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom;
Jistrieħu fis-sliem.
R/. Ammen.

It-Talba tal-Anġelus:
L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija:
R/. U hija saret omm mill-Ispirtu s-Santu. Sliema u Qaddisa. 
Hawn hi l-Qaddejja tal-Mulej:
R/. Ikun minni skond kelmtek. Sliema u Qaddisa. 
U l-Iben t’Alla sar bniedem:
R/. U għammar fostna. Sliema u Qaddisa. 
Itlob għalina, Qaddisa Omm Alla:
R/. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħdna Kristu.
Nitolbu:  Xerred, Mulej, fi qlubna il-grazzja tiegħek biex aħna li bit-tħabbira ta’ l-anġlu għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu naslu għas-sebħ tal-qawmien.  Bi Kristu Sidna. Ammen.

Ikkonkludi bis-Sinjal tas-Salib:
Fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.


Id-Drittijiet tal-Awtur © Ġesù Lill-Umanità, 2021, 2026. Id-drittijiet kollha riżervati.
Logo JTM